Gost il-Qari/The Pleasure of Reading huwa programm ta’ qari ta’ stejjer lil tfal bejn 7 u 11-il sena flimkien mal-ġenituri/kustodji tagħhom. Is-sessjonijiet huma ta’ siegħa fil-ġimgħa u jsiru kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Dawn is-sessjonijiet isiru kemm fl-iskejjel primarji kif ukoll fil-komunità.
Dan il-programm tfassal bil-għan li jsiru sessjonijiet divertenti ta’ qari, irrakkontar ta’ stejjer u attivitajiet marbuta magħhom bil-għan li jqanqlu l-immaġinazzjoni tat-tfal u jsaħħu l-ħiliet kritiċi u kreattivi tagħhom. Permezz tal-qari animat ta’ stejjer, it-tfal mhux biss ikunu qegħdin jitgħallmu informazzjoni ġdida imma wkoll jitgħallmu jħaddnu valuri importanti fil-ħajja tagħhom. L-Animaturi tal-Qari jużaw vokabularju varjat u jħeġġu lit-tfal jesprimu ruħhom u jiddiskutu temi differenti. Waqt is-sessjonijiet tal-qari jintuża metodu ta’ tagħlim multisensorjali permezz ta’ riżorsi apposta. F’dawn is-sessjonijiet it-tfal jitgħallmu jagħrfu s-sekwenza tal-istorja, jidentifikaw l-isfidi li jkun hemm fiha u flimkien ma’ sħabhom isibu s-soluzzjonijiet għalihom permezz ta’ diskussjonijiet u billi jidentifikaw ruħhom mal-karattri nfushom.
Is-sessjonijiet ta’ siegħa huma bla ħlas, isiru darba fil-ġimgħa u matulhom isir qari animat ta’ stejjer lil tfal bejn 7 u 11-il sena flimkien mal-ġenituri/kustodji tagħhom. Is-sessjonijiet isiru kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.
Tfal bejn 7 u 11-il sena u l-ġenituri/kustodji tagħhom.
Wieħed jista’ jirriserva post billi jew iċempel 2598 3335 jew b'ittra elettronika lil aqra.storja@ilearn.edu.mt. Wieħed jista’ wkoll jibgħat messaġġ fuq il-paġna tal-Facebook